Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - It-Tmien Sessjoni Plenarja

14 March 2019

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - It-Tmien Sessjoni Plenarja: L-interazzjoni bejn id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u l-GDPR, dikjarazzjoni rigward ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika, il-Listi ES u IS tad-DPIA, Dikjarazzjoni dwar l-Elezzjonijiet

Brussell, it-13 ta’ Marzu - Fit-12 u fit-13 ta’ Marzu, l-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data taż-ŻEE u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, flimkien fil-Bord Ewropew dwar il-Protezzjoni tad-Data, iltaqgħu għat-tmien sessjoni plenarja tagħhom. Matul is-sessjoni plenarja saret diskussjoni dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
 
Interazzjoni bejn id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u l-GDPR
Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data adotta l-opinjoni tiegħu dwar l-interazzjoni bejn id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika u r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-opinjoni għandha l-għan li tipprovdi tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk il-fatt li l-ipproċessar tad-data personali jiskatta l-kamp ta’ applikazzjoni materjali kemm tal-GDPR kif ukoll tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, jillimitax il-kompetenzi, il-kompiti u s-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fl-ambitu tal-GDPR. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huwa tal-fehma li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data għandhom il-kompetenza li jinfurzaw il-GDPR. Is-sempliċi fatt li subsett tal-ipproċessar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, ma jillimitax il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data fl-ambitu tal-GDPR.

Ksur tal-GDPR jista’ fl-istess waqt jikkostitwixxi ksur tar-regoli nazzjonali dwar il-Privatezza Elettronika. Dan jista’ jitqies mill-awtoritajiet superviżorji meta japplikaw il-GDPR (pereż. meta jivvalutaw il-konformità mal-prinċipji tal-legalità jew tal-ġustizzja).  

Dikjarazzjoni dwar il-futur tar-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika
Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data adotta dikjarazzjoni li tistieden lil-leġiżlaturi tal-UE biex jintensifikaw l-isforzi fid-direzzjoni tal-adozzjoni tar-Regolament dwar il-Privatezza tad-Data, li hija essenzjali għall-ikkompletar tal-qafas tal-UE għall-protezzjoni tad-data u għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Ir-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika m’għandu fl-ebda ċirkostanza jnaqqas il-livell ta’ protezzjoni li toffri d-Direttiva attwali dwar il-Privatezza Elettronika u għandu jikkomplementa l-GDPR billi jipprovdi garanziji addizzjonali b’saħħithom għal kull tip ta’ komunikazzjoni elettronika.
 
 
Il-listi tad-DPIA
Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data adotta żewġ opinjonijiet dwar il-listi tal-Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data (DPIA - Data Protection Impact Assessment), ippreżentati lill-Bord minn Spanja u mill-Iżlanda. Dawn il-listi jikkostitwixxu għodda importanti għall-applikazzjoni konsistenti tal-GDPR fiż-ŻEE kollha. Id-DPIA hija proċess li jgħin fl-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji marbuta mal-protezzjoni tad-data li jistgħu jolqtu d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi. Filwaqt li b’mod ġenerali l-kontrollur tad-data jeħtieġ jivvaluta jekk DPIA tkunx meħtieġa qabel jinvolvi ruħu fl-attività tal-ipproċessar, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandhom jistabbilixxu u jagħmlu lista tat-tip ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar li huma soġġetti għar-rekwiżit ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. Dawn iż-żewġ opinjonijiet jimxu fuq il-passi tat-28 opinjoni adottati matul laqgħat preċedenti tal-plenarja, u se jkomplu jikkontribwixxu biex jiġu stabbiliti kriterji komuni għal-listi tad-DPIA fiż-ŻEE kollha.

Dikjarazzjoni dwar l-użu ta’ data personali matul il-kampanji politiċi
Fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin u ta’ elezzjonijiet oħra li se jsiru fl-2019 fl-UE kollha u lil hinn minnha, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data adotta dikjarazzjoni dwar l-użu tad-data personali matul il-kampanji elettorali. It-tekniki tal-ipproċessar tad-data għal skopijiet politiċi jistgħu joħolqu riskji serji, mhux biss fir-rigward tad-drittijiet għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, iżda wkoll għall-integrità tal-proċess demokratiku. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, fid-dikjarazzjoni tiegħu jenfasizza għadd ta’ punti ewlenin li jeħtieġ li jitqiesu meta l-partiti politiċi jipproċessaw id-data personali matul l-attivitajiet elettorali.
 
Nota lill-edituri:
 
Kunu afu li d-dokumenti kollha adottati waqt is-Sessjoni Plenarja tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar neċessarji u se jkunu disponibbli fuq is-sit web tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ladarba dawn il-verifiki jitlestew.