L-EDPB & L-KEPD jadottaw opinjonijiet konġunti dwar settijiet ġodda ta’ SCCs

15 January 2021 EDPB

Brussell, 15 ta’ Jannar - L-EDPB u l-KEPD adottaw opinjonijiet konġunti dwar żewġ settijiet ta’ klawżoli kuntrattwali (SCCs). Opinjoni waħda dwar l-SCCs għal kuntratti bejn kontrolluri u proċessuri u waħda dwar l-SCCs għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi.

L-SCCs Kontrolluri-Proċessuri se jkollhom effett mifrux mal-UE kollha u għandhom l-għan li jiżguraw armonizzazzjoni sħiħa u ċertezza legali fl-UE kollha f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kuntratti bejn il-kontrolluri u l-proċessuri tagħhom.

Andrea Jelinek, President tal-EDPB, qal: “L-EDPB u l-KEPD jilqgħu l-SCCs Kontrolluri-Proċessuri bħala għodda unika, b’saħħitha u għall-UE kollha li se tiffaċilita l-konformità mad-dispożizzjonijiet kemm skont il-GDPR kif ukoll skont l-EUDPR. Fost l-oħrajn, l-EDPB u l-KEPD jitolbu li l-partijiet jingħataw biżżejjed ċarezza dwar is-sitwazzjonijiet fejn jistgħu jiddependu fuq dawn l-SCCs, u jenfasizzaw li sitwazzjonijiet li jinvolvu trasferimenti barra mill-UE m’għandhomx jiġu esklużi.”

Intalbu diversi emendi sabiex it-test ikun aktar ċar u biex tiġi żgurata l-utilità prattika tiegħu fl-operazzjonijiet ta’ kuljum tal-kontrolluri u l-proċessuri. Dawn jinkludu l-interazzjoni bejn iż-żewġ dokumenti, l-hekk imsejħa “klawsola tal-qtugħ” li tippermetti li entitajiet addizzjonali jaderixxu mal-SCCs, u aspetti oħra relatati mal-obbligi għall-proċessuri. Barra minn hekk, l-EDPB u l-KEPD jissuġġerixxu li l-Annessi għall-SCCs jiċċaraw kemm jista’ jkun ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull waħda mill-partijiet fir-rigward ta’ kull attività ta’ pproċessar — kwalunkwe ambigwità tagħmilha aktar diffiċli għall-kontrolluri jew il-proċessuri biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà

Wojciech Wiewiórowski, EDPS, qal: “Aħna konvinti li dawn l-SCCs jistgħu jiffaċilitaw il-konformità tal-kontrolluri u l-proċessuri mal-obbligi tagħhom, kemm skont il-GDPR kif ukoll skont il-qafas legali tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE (EUIs). Barra minn hekk, nittamaw li dawn l-SCCs jiżguraw aktar armonizzazzjoni u ċertezza legali għall-individwi u d-data personali tagħhom. Huwa f’dan il-kuntest li għandna l-għan li dawn id-dokumenti jsiru kemm jista’ jkun validi għall-futur.”

L-abbozzi tal-SCCs għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi skont l-Artikolu 46 (2) (c) tal-GDPR se jissostitwixxu l-SCCs eżistenti għal trasferimenti internazzjonali li ġew adottati abbażi tad-Direttiva 95/46 u li jeħtieġ li jiġu aġġornati biex jinġiebu f’konformità mar-rekwiżiti tal-GDPR, kif ukoll b’kont meħud tas-Sentenza “Schrems II” tal-QtĠ-UE, u biex jirriflettu aħjar l-użu mifrux ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar ġodda u aktar kumplessi li spiss jinvolvu importaturi u esportaturi multipli tad-data. B’mod partikolari, l-SCCs il-ġodda jinkludu salvagwardji aktar speċifiċi f’każ li l-liġijiet tal-pajjiż ta’ destinazzjoni jkollhom impatt fuq il-konformità mal-klawżoli, b’mod partikolari fil-każ ta’ talbiet vinkolanti mill-awtoritajiet pubbliċi għall-iżvelar ta’ data personali.

Wojciech Wiewiórowski, EDPS, qal: Minħabba l-esperjenza prattika tagħna, għamilna dawn il-kummenti biex intejbu dawn l-SCCs bil-ħsieb li niżguraw bis-sħiħ li d-data personali taċ-ċittadini tal-UE tingħata livell essenzjalment ekwivalenti ta’ protezzjoni meta jsiru trasferimenti lejn pajjiżi terzi. Aħna nemmnu li dawn is-suġġerimenti u l-emendi huma kruċjali sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet fil-prattika.”

B’mod ġenerali, l-EDPB u l-KEPD huma tal-opinjoni li l-abbozz tal-SCCs jippreżenta livell imsaħħaħ ta’ protezzjoni għas-suġġetti tad-data. B’mod partikolari, l-EDPB u l-KEPD jilqgħu d-dispożizzjonijiet speċifiċi maħsuba biex jindirizzaw xi wħud mill-kwistjonijiet ewlenin identifikati fis-sentenza Schrems II. Madankollu, l-EDPB u l-KEPD huma tal-fehma li diversi dispożizzjonijiet jistgħu jittejbu jew jiġu ċċarati, bħall-kamp ta’ applikazzjoni tal-SCCs; ċerti drittijiet benefiċjarji ta’ partijiet terzi; ċerti obbligi rigward trasferimenti ulterjuri; aspetti tal-valutazzjoni tal-liġijiet ta’ pajjiżi terzi rigward l-aċċess għad-data pubblika mill-awtoritajiet pubbliċi; u n-notifika lill-SA.

Il-President tal-EDPB Andrea Jelinek żied jgħid: “Il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jintużaw l-SCCs għandhom ikunu ċari għall-organizzazzjonijiet u s-suġġetti tad-data għandhom jingħataw drittijiet u rimedji effettivi. Barra minn hekk, l-SCCs għandhom jinkludu distribuzzjoni ċara tar-rwoli u tar-reġim tar-responsabbiltà bejn il-partijiet. Fir-rigward tal-ħtieġa, f’ċerti każijiet, għal miżuri supplimentari ad hoc sabiex jiġi żgurat li s-suġġetti tad-data jingħataw livell ta’ protezzjoni essenzjalment ekwivalenti għal dak garantit fl-UE, l-SCCs il-ġodda se jkollhom jintużaw flimkien mar-Rakkomandazzjonijiet tal-EDPB dwar miżuri supplimentari.”

L-EDPB u l-KEPD jistiednu lill-Kummissjoni tirreferi għall-verżjoni finali tar-Rakkomandazzjonijiet tal-EDPB dwar miżuri supplimentari, jekk il-verżjoni finali tar-rakkomandazzjonijiet tiġi adottata qabel id-deċiżjoni tal-SCC tal-Kummissjoni. Dan id-dokument tressaq għall-konsultazzjoni pubblika sal-21 ta’ Diċembru 2020 u għadu soġġett għal modifiki ulterjuri possibbli abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika.

 

Nota lill-edituri:  
Kunu afu li d-dokumenti kollha adottati waqt is-Sessjoni Plenarja tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar neċessarji u se jkunu disponibbli fuq is-sit web tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ladarba dawn il-verifiki jitlestew

 

EDPB_Press Release_statement_2021_01