Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - It-tieni laqgħa plenarja: ICANN, PSD2, Tarka tal-Privatezza

5 July 2018

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2018 - L-Awtoritajiet Ewropej għall-protezzjoni tad-data, iltaqgħu fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (BEPD), fl-4 u fil-5 ta’ Lulju għat-tieni laqgħa plenarja tal-BEPD. Matul din il-laqgħa, l-Awtoritajiet Ewropej għall-Protezzjoni tad-Data indirizzaw firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
 
Kooperazzjoni u proċeduri ta’ konsistenza - is-sitwazzjoni attwali
Il-BEPD iddiskuta l-mekkaniżmi ta’ konsistenza u kooperazzjoni, il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi dwar il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-punt uniku ta’ kuntatt, il-prestazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), li sservi bħala pjattaforma tal-IT għal skambji dwar kwistjonijiet transfruntiera, l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet u t-tip ta’ mistoqsijiet li waslu mill-25 ta’ Mejju. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data rrappurtaw żieda sostanzjali fl-ilmenti li waslulhom. L-ewwel każijiet bdew fl-IMI fil-25 ta’ Mejju. Attwalment, madwar 30 ilment transfruntier fl-IMI qed ikunu investigati. Il-President tal-BEPD Andrea Jelinek qal: “Minkejja ż-żieda f’daqqa fl-għadd ta’ każijiet fl-aħħar xahar, il-Membri tal-EDPB irrapportaw li l-ammont ta’ xogħol huwa maniġġabbli bħalissa, fil-parti l-kbira bis-saħħa ta’ tħejjija bir-reqqa tad-WP29 f’dawn l-aħħar sentejn. Il-GDPR ma joffrix soluzzjoni ta’ malajr f’każ ta’ lment iżda ninsabu fiduċjużi li l-proċeduri li jiddeskrivu fid-dettall il-mod li bih l-awtoritajiet jaħdmu flimkien taħt il-mekkaniżmu ta’ konsistenza huma robusti u effiċjenti.”
 
ICANN
Il-BEPD adotta ittra f’isem il-president tal-BEPD indirizzata lill-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (ICANN - Internet Corporation for Assigned Names and Numbers), li tipprovdi gwida biex tippermetti lill-ICANN biex tiżviluppa mudell konformi mal-GDPR għal aċċess għal data personali pproċessata fil-kuntest tal-WHOIS.
L-ittra tindirizza l-kwistjonijiet ta’ l-ispeċifikazzjoni tal-għan, il-ġbir ta’ “data WHOIS sħiħa”, ir-reġistrazzjoni ta’ persuni ġuridiċi, l-illoggjar ta’ aċċess tad-data WHOIS mhux pubblika, iż-żamma tad-data u kodiċi ta’ kondotta u akkreditazzjoni.
Il-predeċessur tal-BEPD, il- Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 -(WP29), ilu joffri gwida lill-ICANN dwar kif iġġib il-WHOIS f’konformità mal-liġi Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data sa mill-2003.
Il-BEPD jistenna li l-ICANN tiżviluppa u timplimenta mudell WHOIS li jippermetti użu leġittimi minn partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-eżekuzzjoni tal-liġi, tad-data personali dwar reġistranti f’konformità mal-GDPR, mingħajr ma twassal għal pubblikazzjoni illimitata ta’ dik id-data.
 
Id-Direttiva PSD2
Il-BEPD adotta ittra f’isem il-President tal-BEPD indirizzata lil Sophie in’t Veld MEP rigward id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas riveduta (id-Direttiva PSD2). Fit-tweġiba tiegħu lil Sophie in’t Veld, il--BEPD jixħet aktar dawl fuq “id-data tal-parti siekta” minn Fornituri Terzi, il-proċeduri rigward l-għoti u l-irtirar ta’ kunsens, l-Istandards Tekniċi Regolatorji, il-kooperazzjoni bejn il-banek u l-Kummissjoni Ewropea, il-KEPD u d-WP29 u dak li għad irid isir biex  tingħalaq kwalunkwe lakuna li għad fadal għall-protezzjoni tad-data.
 
Tarka tal-Privatezza
L-Ombudsperson tal-Istati Uniti responsabbli li jindirizza l-ilmenti ta’ sigurtà nazzjonali skont it-Tarka tal-Privatezza, l-Ambaxxatur Judith Garber, kienet mistiedna għal-laqgħa plenarja tal-EDPB għal skambju mal-Membri tal-Bord. Il-BEPD kien partikolarment interessat fit-tħassib indirizzat lejn l-Istati Uniti mill-predeċessur tal-BEPD, il-WP29, speċjalment il-ħatra ta’ Ombudsperson permanenti, ħatriet formali fuq il-Bord ta' Sorveljanza tal-Privatezza u l-Libertajiet Ċivili (PCLOB - Privacy and Civil Liberties Oversight Board), u n-nuqqas ta’ informazzjoni addizzjonali dwar il-mekkaniżmu tal-Ombudsperson u d-deklassifikazzjoni ulterjuri tar-regoli proċedurali, b’mod partikolari dwar kif l-Ombudsman jinteraġixxi mas-servizzi ta’ intelligenza.
 
Il-BEPD irrimarka li l-laqgħa mal-Ombudsperson kienet interessanti u kolleġġjali iżda ma pprovdietx tweġiba konklużiva għal dan it-tħassib u li dawn il-kwistjonijiet se jibqgħu fuq nett tal-aġenda matul it-Tieni Rieżami Annwali (skedat għal Ottubru 2018). Barra minn hekk, huwa jappella għal provi supplimentari li għandhom jingħataw mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti sabiex jiġi indirizzat dan it-tħassib. Fl-aħħar nett, il-BEPD jinnota li l-istess tħassib se jkunu indirizzat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’kawżi li huma diġà pendenti, u li għalihom il-BEPD joffri li jikkontribwixxi l-fehma tiegħu, jekk ikun mistieden mill-Qorti tal-Ġustizzja tal- Unjoni Ewropea li jagħmel dan.