Brussell, it-3 ta’ Settembru - Il-Bord adotta Linji Gwida dwar il-kunċetti ta’ kontrollur u proċessur fil-GDPR u Linji gwida dwar l-immirar tal-utenti tal-midja soċjali. Barra minn hekk, l-EDPB ħoloq taskforce dwar l-ilmenti wara s-sentenza Schrems II tal-QĠUE u taskforce iddedikata għall-miżuri supplimentari li l-esportaturi u l-importaturi tad-data jistgħu jkunu meħtieġa jieħdu biex jiżguraw protezzjoni adegwata meta jittrasferixxu d-data fid-dawl tas-sentenza Schrems II tal-QĠUE.
Il-Bord adotta Linji Gwida dwar il-kunċetti ta’ kontrollur u proċessur fil-GDPR. Sa mid-dħul fl-applikazzjoni tal-GDPR, qamu mistoqsijiet dwar sa liema punt il-GDPR ġab bidliet f’dawn il-kunċetti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċett ta’ kontroll konġunt (kif stipulat fl-Artikolu 26 tal-GDPR u wara diversi sentenzi tal-QĠUE) kif ukoll l-obbligi għall-proċessuri (b’mod partikolari l-Artikolu 28 tal-GDPR) kif stipulat fil-Kapitolu IV tal-GDPR.
F’Marzu 2019, l-EDPB flimkien mas-Segretarjat tiegħu organizzaw avveniment għall-partijiet ikkonċernati, li għamilha ċara li kien hemm ħtieġa għal gwida aktar prattika u ppermetta lill-Bord jifhem aħjar il-ħtiġijiet u t-tħassib fil-qasam. Il-Linji Gwida l-ġodda jikkonsistu f’żewġ partijiet ewlenin: waħda li tispjega l-kunċetti differenti; l-oħra li tinkludi gwida dettaljata dwar il-konsegwenzi ewlenin ta’ dawn il-kunċetti għall-kontrolluri, il-proċessuri u l-kontrolluri konġunti. Il-Linji Gwida jinkludu dijagramma sekwenzjali biex jipprovdu gwida prattika ulterjuri. Il-Linji Gwida sejrin jiġu sottomessi għal konsultazzjoni pubblika.
L-EDPB adotta Linji Gwida dwar l-immirar tal-utenti tal-midja soċjali. Il-Linji Gwida għandhom l-għan li jipprovdu gwida prattika lill-partijiet ikkonċernati u jinkludu diversi eżempji ta’ sitwazzjonijiet differenti sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jidentifikaw malajr ix-”xenarju” li huwa l-aktar qrib tal-prattika tal-immirar li beħsiebhom jużaw. L-għan ewlieni tal-Linji Gwida huwa li jiċċaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-fornitur tal-midja soċjali u tal-individwu fil-mira. Għal dan il-għan, il-Linji Gwida, fost l-oħrajn, jidentifikaw ir-riskji potenzjali għal-libertajiet tal-individwu, l-atturi ewlenin u r-rwoli tagħhom, l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ewlenin tal-protezzjoni tad-data, bħal-legalità u t-trasparenza u d-DPIA, kif ukoll l-elementi ewlenin tal-arranġamenti bejn il-fornituri tal-midja soċjali u l-individwi fil-mira. Barra minn hekk, il-Linji Gwida jiffukaw fuq il-mekkaniżmi ta’ mmirar differenti, l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data u l-obbligu għall-kontrolluri konġunti li jistabbilixxu arranġament xieraq skont l-Artikolu 26 tal-GDPR. Il-Plenarja se tippreżenta l-Linji Gwida għall-konsultazzjoni pubblika.
Il-Bord ħoloq taskforce biex jinvestiga lmenti mressqa wara s-sentenza Schrems II tal-QĠUE. Tressqu total ta’ 101 ilment identiku lill-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data taż-ŻEE kontra diversi kontrolluri fl-Istati Membri taż-ŻEE rigward l-użu tagħhom tas-servizzi ta’ Google / Facebook li jinvolvu t-trasferiment ta’ data personali. B’mod speċifiku l-ilmentaturi, irrappreżentati mill-NGO NOYB, jiddikjaraw li Google/Facebook jittrasferixxu data personali lejn l-Istati Uniti billi jibbażaw fuq it-Tarka tal-Privatezza UE-U.S. jew fuq il-Klawżoli Kuntrattwali Xierqa u li skont is-sentenza reċenti tal-QĠUE fil-kawża C-311/18, il-kontrollur ma jistax jiżgura protezzjoni adegwata tad-data personali tal-ilmentaturi. It-taskforce se tanalizza l-kwistjoni u sejra tiżgura kooperazzjoni mill-qrib fost il-membri tal-Bord.
Bħala segwitu għas-sentenza Schrems II tal-QĠUE u minbarra l-FAQs adottati fit-23 ta’ Lulju, il-Bord ħoloq taskforce. Din it-taskforce se tħejji rakkomandazzjonijiet biex tgħin lill-kontrolluri u lill-proċessuri fid-dmir tagħhom li jidentifikaw u jimplimentaw miżuri supplimentari xierqa biex jiżguraw protezzjoni adegwata meta jittrasferixxu d-data lil pajjiżi terzi.
Andrea Jelinek, President tal-EDPB: “L-EDPB huwa konxju sew li s-sentenza ta' Schrems II tagħti lill-kontrolluri responsabbiltà importanti. Minbarra d-dikjarazzjoni u l-FAQs li ppreżentajna ftit wara s-sentenza, aħna se nħejju rakkomandazzjonijiet biex nappoġġaw lill-kontrolluri u lill-proċessuri rigward id-dmir tagħhom li jidentifikaw u jimplimentaw miżuri supplimentari xierqa ta’ natura legali, teknika u organizzattiva biex jissodisfaw l-istandard ta’ ekwivalenza essenzjali meta jittrasferixxu data personali lil pajjiżi terzi. Madankollu, l-implikazzjonijiet tas-sentenza huma wesgħin ħafna, u l-kuntesti tat-trasferimenti tad-data lejn pajjiżi terzi jvarjaw ħafna. Għalhekk, ma jistax ikun hemm soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd u li ssolvi l-problemi malajr. Kull organizzazzjoni se jkollha bżonn tevalwa l-operazzjonijiet u t-trasferimenti tal-ipproċessar tad-data tagħha stess u tieħu miżuri xierqa.”
Nota lill-edituri:
Jekk jogħġbok kun af li d-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għal verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ġaladarba jkunu tlestew.
EDPB_Press Release_2020_14