European Data Protection Board

Dwar l-EDPB

Min aħna

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) huwa korp Ewropew indipendenti, li jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-Unjoni Ewropea kollha, u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet għall-protezzjoni tad-data tal-UE. 

L-EDPB huwa magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD). L-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati tal-EFTA u taż-ŻEE huma membri wkoll fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-GDPR u mingħajr id-dritt li jivvotaw u li jkunu eletti bħala president jew deputati presidenti. L-EDPB huwa stabbilit bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), u huwa bbażat fi Brussell. Il-Kummissjoni Ewropea u -fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-GDPR- u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandhom id-dritt jipparteċipaw fl-attivitajiet u fil-laqgħat tal-Bord mingħajr id-dritt tal-vot.

L-EDPB għandu Segretarjat, li huwa pprovdut mill-KEPD. Memorandum ta’ Qbil jiddetermina t-termini tal-kooperazzjoni bejn l-EDPB u l-KEPD.

Presidenza

Andrea Jelinek Chair of the EDPB Andrea Jelinek                                                                     
President
Ventsislav Karadjov Vice-Chair of the EDPB

Ventsislav Karadjov

Viċi president

Willem Debeuckelaere Vice-Chair of the EDPB

Willem Debeuckelaere

Viċi president

Missjoni

L-EDPB għandu l-għan li jiżgura l-applikazzjoni konsistenti fl-Unjoni Ewropea tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u tad-Direttiva Ewropea dwar l-Infurzar tal-Liġi.

Aħna nistgħu nadottaw gwida ġenerali biex niċċaraw it-termini tal-liġijiet Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data, fejn nagħtu lill-partijiet ikkonċernati tagħna interpretazzjoni konsistenti tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom.

Aħna ningħataw ukoll is-setgħa mill-GDPR sabiex nieħdu deċiżjonijiet vinkolanti għall-awtoritajiet superviżorji nazzjonali sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti.

Aħna naġixxu skont ir-regoli tal-proċedura tagħna u skont il-prinċipji gwida tagħna.

Kompiti u doveri

Aħna nistgħu:

  • nipprovdu gwida ġenerali (inklużi linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattika) sabiex tiġi ċċarata l-liġi;
  • nagħtu pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni tad-data personali u leġiżlazzjoni ġdida proposta fl-Unjoni Ewropea;
  • nadottaw sejbiet ta’ konsistenza f’każijiet ta’ protezzjoni tad-data transkonfinali; u
  • nippromwovu l-kooperazzjoni u l-iskambju effettiv tal-informazzjoni u tal-aħjar prattika bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali.

Aħna nipproduċu wkoll rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħna, li jsir disponibbli għall-pubbliku u jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Prinċipji gwida

Il-prinċipji gwida tagħna huma:

  • Indipendenza u imparzjalità
  • Governanza tajba, integrità u mġiba amministrattiva tajba
  • Kolleġġjalità
  • Kooperazzjoni
  • Trasparenza
  • Effiċjenza u modernizzazzjoni
  • Proattività

Ara r-regoli ta’ proċedura tal-EDPB għal aktar informazzjoni.

Il-kompetenzi tal-EDPB

L-EDPB huwa korp Ewropew indipendenti b’personalità ġuridika li jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-Unjoni Ewropea kollha u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji. L-EDPB huwa magħmul mill-kapijiet tal-Awtoritajiet Superviżorji (AS) u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) jew mir-rappreżentanti tagħhom. Minflok iwieġeb talbiet individwali u speċifiċi, l-EDPB joħroġ gwida ġenerali. Fil-25 ta’ Mejju 2018, l-EDPB approva l-gwida pprovduta dwar il-GDPR ipprovduta mill-WP29:  https://edpb.europa.eu/our-work-tools/general-guidance/gdpr-guidelines-recommendations-best-practices_mt. L-EDPB qed jiżviluppa wkoll gwida addizzjonali, disponibbli hawnhekk: https://edpb.europa.eu/our-work-tools/general-guidance/gdpr-guidelines-recommendations-best-practices_enon.

L-EDPB ma jipprovdix servizzi ta’ konsulenza individwali. Jekk jogħġbok innota li individwi jew organizzazzjonijiet li jkollhom mistoqsijiet relatati mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data qed jingħataw il-parir li jikkonsultaw is-sit elettroniku tal-Awtorità Superviżorja fil-pajjiż li huma bbażati fih. (Għall-Istati Membri tal-UE: https://edpb.europa.eu/about-edpb/board/members_mt.)