Anu Talus eletta President ġdid tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

25 May 2023

L-EDPB eleġġa lil Anu Talus bħala l-President il-ġdid tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (European Data Protection Board, EDPB) biex jissostitwixxi l-President uxxenti Andrea Jelinek. Hija ġiet eletta b’19-il vot minn 27, f’żewġ ċikli.

Anu Talus hija l-kap tal-Awtorità Finlandiża għall-Protezzjoni tad-Data (Data Protection Authority, DPA), funzjoni li llum hija se tikkombina mar-rwol tal-President tal-EDPB.

Il-President tal-EDPB, Anu Talus qalet: “Ninsab onorata u grata li ġejt eletta President tal-EDPB u nqisha bħala turija ta’ apprezzament mill-kapijiet kollegi tiegħi tad-DPA. Bħala network integrat mill-qrib ta’ DPAs, l-EDPB għandu l-kompitu importanti li jiżgura li 450 miljun Ewropew igawdu l-istess livell ta’ protezzjoni tad-data, irrispettivament minn fejn jgħixu.”

“Parti mil-leġiżlazzjoni diġitali tal-UE li għadha kif ġiet adottata tikkoinċidi mal-GDPR. Għall-ġejjieni, huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-qafas legali relatat mal-protezzjoni tad-data jkun koerenti, li l-kompetenzi tal-EDPB jiġu salvagwardjati u li tiġi evitata l-frammentazzjoni. L-oqsma griżi ma huma favur ħadd, la għall-individwi li d-data personali tagħhom aħna nipproteġu, u lanqas għall-operaturi ekonomiċi li jeħtieġu ċertezza legali.”

Il-President uxxenti, Andrea Jelinek, qalet: “Il-President il-ġdid tal-EDPB għandu sfidi eċċitanti fil-ġejjieni u Anu għandha pedamenti sodi biex tibni fuqhom. F’dawn l-aħħar ħames snin, il-GDPR sar punt storiku globali bħala l-aktar liġi komprensiva dwar il-protezzjoni tad-data fid-dinja. Ninsab fiduċjuża li l-EDPB, dan il-korp uniku b’responsabbiltajiet kbar u b’impatt estensiv, se jibbenefika ħafna mill-għarfien espert ta’ Anu.”

Skont l-Artikolu 73 tal-GDPR, il-Bord jeleġġi President wieħed u żewġ Viċi Presidenti fost il-membri tiegħu b’maġġoranza sempliċi u permezz ta’ votazzjoni sigrieta. Iż-żmien ta’ kariga tagħhom għandu jkun ta’ ħames snin, li jista' jiġġedded darba. Il-President tal-EDPB jissorvelja l-kompiti kollha tal-Bord u jiżgura l-prestazzjoni f’waqtha tagħhom. Hija tirrappreżenta lill-Bord.

L-EDPB eleġġa wkoll lil Irene Loizidou Nikolaidou (CY DPA) bħala Viċi President ġdid biex tissostitwixxi l-Viċi President Ventsislav Karadjov li għadu kif intemm il-mandat tiegħu.

Il-Viċi President tal-EDPB Aleid Wolfsen (NL) ġie elett fil-15 ta’ Mejju 2019; il-mandat tiegħu normalment jintemm fil-15 ta’ Mejju 2024.

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) huwa korp Ewropew indipendenti, li jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-Unjoni Ewropea kollha, u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-UE. L-EDPB huwa stabbilit mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (General Data Protection Regulation, GDPR).

L-EDPB huwa appoġġat fil-ħidma tiegħu mis-Segretarjat tal-EDPB. Is-Segretarjat iwettaq il-kompiti tiegħu skont l-istruzzjonijiet tal-President. Dan jipprovdi appoġġ analitiku, amministrattiv u loġistiku lill-Bord; dan jorganizza l-laqgħat kollha tal-Bord u jimmaniġġja l-pjattaformi tal-IT użati mid-DPAs biex jikkooperaw. Barra minn hekk, is-Segretarjat għandu rwol ewlieni fil-forniment ta’ analiżi legali.

The news published here does not constitute official EDPB communication, nor an EDPB endorsement. This news item was originally published by the national supervisory authority and was published here at the request of the SA for information purposes. Any questions regarding this news item should be directed to the supervisory authority concerned.