
Brussell, l-14 ta’ Lulju - Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) adottaw l-Opinjoni Konġunta tagħhom dwar il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa (EHDS). Il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita l-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa u li tippermetti lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal offrut minn skambju, użu u użu mill-ġdid sikur u sigur tad-data dwar is-saħħa.
L-EDPB u l-EDPS jilqgħu l-idea li jissaħħaħ il-kontroll tal-individwi fuq id-data personali tagħhom dwar is-saħħa. Madankollu, huma jiġbdu l-attenzjoni tal-koleġiżlaturi għal għadd ta’ tħassib ġenerali u jħeġġuhom jieħdu azzjoni deċiżiva. B’mod partikolari, l-EDPB u l-EDPS jirrikonoxxu li l-Kapitolu IV tal-Proposta, li għandu l-għan li jiffaċilita l-użu sekondarju tad-data elettronika dwar is-saħħa, jista’ jiġġenera benefiċċji għall-ġid pubbliku. Fl-istess ħin, l-EDPB u l-EPDS iqisu li dawn l-attivitajiet ta’ pproċessar ulterjuri mhumiex mingħajr riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi.
Il-President tal-EDPB, Andrea Jelinek qalet: “L-Ispazju tad-Data dwar is-Saħħa tal-UE se jinvolvi l-ipproċessar ta’ kwantitajiet kbar ta’ data li huma ta’ natura sensittiva ħafna. Għalhekk, huwa tal-akbar importanza li d-drittijiet tal-individwi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) bl-ebda mod ma jiġu mminati minn din il-Proposta. Id-deskrizzjoni tad-drittijiet fil-Proposta mhijiex konsistenti mal-GDPR u hemm riskju sostanzjali ta’ inċertezza legali għal individwi li jistgħu ma jkunux jistgħu jiddistingwu bejn iż-żewġ tipi ta’ drittijiet. Aħna nħeġġu bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tiċċara l-interazzjoni tad-drittijiet differenti bejn il-Proposta u l-GDPR.”
Il-Kontrollur tal-EDPS, Wojciech Wiewiórowski qal: “Id-data dwar is-saħħa ġġenerata minn applikazzjonijiet tal-benesseri u applikazzjonijiet diġitali oħra tas-saħħa mhijiex tal-istess kwalità bħal dik iġġenerata mill-apparati mediċi. Barra minn hekk, dawn l-applikazzjonijiet jiġġeneraw ammont enormi ta’ data, jistgħu jkunu invażivi ħafna u jistgħu jiżvelaw informazzjoni partikolarment sensittiva, bħall-orjentazzjoni reliġjuża. Applikazzjonijiet tal-benessri u applikazzjonijiet diġitali oħra tas-saħħa għandhom għalhekk jiġu esklużi milli jsiru disponibbli għal użu sekondarju.”
Filwaqt li l-EDPB u l-EDPS jirrikonoxxu l-isforzi tal-Kummissjoni biex tallinja l-Proposta mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR meta tkun involuta data personali, huma jinnotaw li din il-Proposta se żżid saff ieħor mal-ġabra diġà kumplessa ta’ dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa. Bħala tali, huma jenfasizzaw il-ħtieġa li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet f’din il-Proposta, dawk fil-GDPR u l-liġi tal-Istati Membri kif ukoll mal-inizjattivi Ewropej li għaddejjin bħalissa.
Barra minn hekk, l-EDPB u l-EDPS jirrikonoxxu li l-infrastruttura għall-iskambju ta’ data elettronika dwar is-saħħa prevista f’din il-Proposta EHDS għandha l-għan li tiffaċilita l-iskambju ta’ data dwar is-saħħa. Madankollu, minħabba l-kwantità kbira ta’ data elettronika dwar is-saħħa li tiġi pproċessata, in-natura sensittiva ħafna tagħha, ir-riskju ta’ aċċess illegali u l-ħtieġa li tiġi żgurata bis-sħiħ superviżjoni effettiva mill-awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-data, l-EDPB u l-EDPS jistiednu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill iżidu mal-Proposta rekwiżit li d-data elettronika dwar is-saħħa tinħażen fiż-ŻEE, mingħajr preġudizzju għal trasferimenti ulterjuri f’konformità mal-Kapitolu V tal-GDPR.
Fir-rigward tal-finijiet għall-użu sekondarju tad-data dwar is-saħħa, l-EDPB u l-EDPS huma tal-fehma li l-Proposta ma għandhiex delineazzjoni xierqa tal-iskopijiet li għalihom id-data elettronika dwar is-saħħa tista’ tiġi pproċessata aktar. Sabiex jinkiseb bilanċ li jqis b’mod adegwat l-objettivi segwiti mill-Proposta u l-protezzjoni tad-data personali tal-individwi affettwati mill-ipproċessar, il-koleġiżlaturi għandhom ikomplu jiddelinjaw dawn il-finijiet u jiċċirkoskrivu meta jkun hemm rabta suffiċjenti mas-saħħa pubblika u/jew mas-sigurtà soċjali.
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-mudell ta’ governanza introdott mill-Proposta, il-kompiti u l-kompetenzi tal-korpi pubbliċi l-ġodda jeħtieġ li jitfasslu bir-reqqa, b’mod partikolari billi jitqiesu l-kompiti u l-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, l-EDPB u l-EDPS, meta jkun involut l-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa. L-EDPB u l-EDPS jissottolinjaw li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data huma l-uniċi awtoritajiet kompetenti responsabbli għal kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data u jenħtieġ li jibqgħu l-uniku punt ta’ kuntatt għall-individwi fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet. Għandu jiġi evitat it-trikkib tal-kompetenzi u għandhom jiġu speċifikati l-oqsma tal-kooperazzjoni u r-rekwiżiti għaliha.