L-EDPB jadotta Linji Gwida dwar id-Drittijiet tas-Suġġett tad-Data u ittra dwar il-kunsens għall-cookies

19 January 2022

Brussell, 19 ta’ Jannar - Matul is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Jannar, l-EDPB adotta Linji Gwida dwar id-Drittijiet tas-Suġġetti tad-Data li jiffukaw fuq id-dritt ta’ aċċess. Il-Linji Gwida għandhom l-għan li janalizzaw l-aspetti varji tad-dritt ta’ aċċess u li jipprovdu gwida aktar preċiża dwar kif id-dritt ta’ aċċess irid jiġi implimentat f’sitwazzjonijiet differenti. Fost l-oħrajn, il-linji gwida jipprovdu kjarifiki dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ aċċess, l-informazzjoni li l-kontrollur irid jipprovdi lis-suġġett tad-data, il-format tat-talba għal aċċess, il-modalità ewlenija għall-għoti ta’ aċċess, u l-kunċett ta’ talbiet manifestament bla bażi u eċċessivi. F’Novembru 2019 sar avveniment għall-partijiet ikkonċernati dwar dan is-suġġett u tqiesu l-fehmiet u l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati matul il-proċess tal-abbozzar.

Il-President tal-EDPB, Andrea Jelinek qalet: “Id-dritt ta’ aċċess jippermetti lill-individwi jiksbu għarfien dwar kif u għaliex tiġi pproċessata d-data personali tagħhom. Il-Linji Gwida jipprovdu eżempji ta’ appoġġ lill-kontrolluri biex iwieġbu t-talbiet għal aċċess b’mod konformi mal-GDPR.”

Il-Linji Gwida se jkunu soġġetti għal konsultazzjoni pubblika għal perjodu ta’ 6 ġimgħat.

Barra minn hekk, l-EDPB adotta ittra bi tweġiba għall-ittri, li titlob interpretazzjoni konsistenti tal-kunsens għall-cookies. Fl-ittra, l-EDPB itenni li huwa impenjat li jiżgura l-applikazzjoni armonizzata tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fl-Unjoni Ewropea kollha. F’dan ir-rigward, l-EDPB reċentement stabbilixxa taskforce dwar il-banners tal-cookies biex jikkoordina r-rispons għall-ilmenti li jikkonċernaw il-banners tal-cookies. Barra minn hekk, l-EDPB aġġorna l-linji gwida dwar il-kunsens sabiex jiżgura approċċ armonizzat dwar il-kundizzjonalità tal-kunsens u dwar l-indikazzjoni mhux ambigwa tax-xewqat.

 

Nota lill-edituri:

Id-dokumenti kollha adottati waqt is-Sessjoni Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar neċessarji u jkunu disponibbli fis-sit tal-EDPB ladarba dawn il-verifiki jkunu lesti.

 

 

EDPB_Press Release_2022_01