Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) - Opinjonijiet dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza tar-Renju Unit, il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR, il-Linji Gwida dwar l-immirar tal-utenti tal-media soċjali

14 April 2021

Brussell, l-14 ta’ April - Matul is-sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB adotta żewġ Opinjonijiet dwar l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet ta’ adegwatezza tar-Renju Unit. L-Opinjoni 14/2021 hija bbażata fuq il-GDPR u tivvaluta kemm l-aspetti ġenerali tal-protezzjoni tad-data kif ukoll l-aċċess tal-gvern għad-data personali ttrasferita miż-ŻEE għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà nazzjonali nklużi fl-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza. Din il-valutazzjoni hija bbażata fuq l-Adegwatezza Referenzjali tal-GDPR WP254. L-Opinjoni 15/2021 hija bbażata fuq id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi (Law Enforcement Directive - LED) u tanaliżża l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza fid-dawl tar-Rakkomandazzjonijiet 01/2021 dwar l-adegwatezza referenzjali skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi (Recommendations 01/2021 on the adequacy referential under the Law Enforcement Directive), kif ukoll tal-ġurisprudenza rilevanti riflessa fir-Rakkomandazzjonijiet 02/2020 dwar il-Garanziji Essenzjali Ewropej għall-miżuri ta’ sorveljanza (Recommendations 02/2020 on the European Essential Guarantees for surveillance measures). Dan huwa l-ewwel abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni dwar l-adegwatezza ta’ pajjiż terz skont l-LED li qatt ġie ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea u vvalutat mill-EDPB.

L-EDPB jinnota li hemm oqsma kruċjali ta’ allinjament qawwi bejn l-oqfsa tal-protezzjoni tad-data tal-UE u tar-Renju Unit dwar ċerti dispożizzjonijiet ewlenin bħal: ir-raġunijiet tal-ipproċessar legali u ġust għall-finijiet leġittimi; il-limitazzjoni tal-iskop; il-kwalità tad-data u l-proporzjonalità; iż-żamma tad-data, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità; it-trasparenza; kategoriji speċjali ta’ data; u dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet u t-tfassil ta’ profili awtomatiżżati.

Il-President tal-EDPB, Andrea Jelinek qal: “Il-qafas tal-protezzjoni tad-data tar-Renju Unit huwa fil-biċċa l-kbira bbażat fuq il-qafas tal-protezzjoni tad-data tal-UE. L-Att tal-2018 tar-Renju Unit dwar il-Protezzjoni tad-Data jispeċifika wkoll l-applikazzjoni tal-GDPR fil-liġi tar-Renju Unit, minbarra t-traspożizzjoni tal-LED, kif ukoll jagħti setgħat u jimponi dmirijiet fuq l-awtorità superviżorja nazzjonali tal-protezzjoni tad-data, l-ICO. Għalhekk, l-EDPB jirrikonoxxi li r-Renju Unit irrifletta, fil-biċċa l-kbira, il-GDPR u l-LED fil-qafas tal-protezzjoni tad-data tiegħu u meta analiżża d-dritt u l-użu fil-prattika tiegħu, l-EDPB identifika ħafna aspetti bħala essenzjalment ekwivalenti. Madankollu, hekk kif il-liġijiet jistgħu jevolvu, dan l-allinjament għandu jinżamm. Għalhekk aħna nilqgħu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tillimita għall-żmien definit l-adegwatezza mogħtija u l-intenzjoni li hija tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fir-Renju Unit.”

L-EDPB jenfasiżża li għandhom jiġu vvalutati u/jew immonitorjati mill-qrib ulterjorment diversi punti mill-Kummissjoni Ewropea fid-deċiżjoni tagħha bbażata fuq il-GDPR, bħal:

  • L-eżenzjoni fil-każ tal-immigrazzjoni, u l-konsegwenzi tagħha, fuq ir-restrizzjonijiet fejn jidħlu d-drittijiet tas-suġġett tad-data;
  • L-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq trasferimenti ulterjuri ta’ data personali taż-ŻEE trasferita lejn ir-Renju Unit, abbażi ta’, pereżempju, deċiżjonijiet ta’ adegwatezza futuri adottati mir-Renju Unit, ftehimiet internazzjonali konklużi bejn ir-Renju Unit u pajjiżi terzi, jew derogi.

Fir-rigward tal-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi, minħabba skopijiet ta’ sigurtà nazzjonali, għall-data personali ttrasferita lejn ir-Renju Unit, l-EDPB jilqa’ l-istabbiliment tat-Tribunal tas-Setgħat Investigattivi (Investigatory Powers Tribunal - IPT) biex jindirizza l-isfidi li jolqtu r-rimedju fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali, u l-introduzzjoni ta’ Kummissarji Ġudizzjarji fl-Att dwar is-Setgħat Investigattivi (Investigatory Powers Act - IPA) tal-2016 biex tiġi żgurata sorveljanza aħjar f’dak l-istess qasam. L-EDPB għadu qiegħed jidentifika għadd ta’ punti li jeħtieġu aktar kjarifiki u/jew monitoraġġ:

  • L-interċettazzjonijiet tal-massa;
  • Il-valutazzjoni u s-sorveljanza ndipendenti tal-użu ta’ għodod awtomatiżżati tal-ipproċessar;
  • Is-salvagwardji pprovduti skont id-dritt tar-Renju Unit fir-rigward tal-iżvelar barra mill-pajjiz, b’mod partikolari fid-dawl tal-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet għas-sigurtà nazzjonali.

Il-Bord adotta l-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR (Guidelines on the application of Article 65(1)(a) GDPR) biex jiddelinjaw l-istadji ewlenin tal-proċedura u jiċċaraw il-kompetenza tal-EDPB meta jadotta deċiżjoni legalment vinkolanti abbażi tal-Artikolu 65(1)(a) tal-GDPR. Il-Linji Gwida jinkludu wkoll deskrizzjoni tas-salvagwardji u r-rimedji proċedurali applikabbli. Il-Linji Gwida se jiġu ppreżentati għall-konsultazzjoni pubblika għall-perjodu ta’ sitt ġimgħat.

L-EDPB adotta l-verżjoni finali tal- Linji Gwida dwar l-immirar tal-utenti tal-midja soċjali (Guidelines on the targeting of social media users) wara konsultazzjoni pubblika. L-għan tal-Linji Gwida huwa li jiċċaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-fornituri tal-media soċjali u tal-individwi fil-mira. Il-verżjoni finali tintegra l-formulazzjoni aġġornata sabiex jiġu ndirizzati l-kummenti u l-feedback riċevuti matul il-konsultazzjoni pubblika.

L-EDPB adotta Dikjarazzjoni dwar il-ftehimiet internazzjonali inklużi t-trasferimenti (Statement 04/2021 on international agreements including transfers). L-EDPB jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jivvalutaw u, fejn meħtieġ, jirrevedu l-ftehimiet internazzjonali tagħhom li jinvolvu trasferimenti nternazzjonali ta’ data personali u li ġew konklużi qabel l-24 ta’ Mejju 2016 (fil-kaz ta’ dawk rilevanti għall-GDPR) u s-6 ta’ Mejju 2016 (fil-kaz ta’ dawk rilevanti għal LED) biex jallinjawhom, fejn meħtieġ, mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

 

Nota lill-edituri:
Ta’ min jinnota li d-dokumenti kollha adottati waqt is-Sessjoni Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar neċessarji u se jkunu disponibbli fis-sit tal-EDPB ladarba dawn il-verifiki jkunu lesti.

EDPB_Press Release_2021_03