Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - Il-45 Sessjoni Plenarja

Wednesday, 3 February, 2021

L-EDPB jadotta Rakkomandazzjonijiet dwar l-Art. 36 LED — Referenzjali tal-adegwatezza, Opinjoni dwar l-Arranġament Amministrattiv H3C/PCAOB, Dikjarazzjoni dwar l-abbozz ta’ dispożizzjonijiet ġodda dwar protokoll għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità, Tweġiba għall-kwestjonarju tal-KE dwar l-ipproċessar ta’ data personali għar-riċerka xjentifika & diskussjoni dwar il-politika tal-privatezza tal-Whatsapp

Brussell, 3 ta’ Frar - Matul il-45 sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB adotta firxa wiesgħa ta’ dokumenti. Barra minn hekk, il-Bord iddiskuta l-politika ta’ privatezza aġġornata tal-Whatsapp.

L-EDPB adotta Rakkomandazzjonijiet dwar ir-referenzjali tal-adegwatezza skont id-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi (LED). L-EDPB jiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data fl-UE, inkluża d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi (LED), li tittratta l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. L-għan tar-Rakkomandazzjonijiet huwa li jipprovdu lista ta’ elementi li jridu jiġu eżaminati meta tiġi vvalutata l-adegwatezza ta’ pajjiż terz skont l-LED. Id-dokument ifakkar il-kunċett u l-aspetti proċedurali tal-adegwatezza skont l-LED u l-ġurisprudenza tal-QĠUE, u jistabbilixxi l-istandards tal-UE għall-protezzjoni tad-data għall-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali.

L-EDPB adotta opinjoni dwar l-abbozz tal-Arranġament Amministrattiv (AA) għat-trasferimenti ta’ data personali bejn l-Haut Conseil du Commissariat aux Comptes (H3C) u l-Public Company Accounting Oversight Board (PCAOB). Dan l-AA se jiġi ppreżentat lill-SA Franċiża għall-awtorizzazzjoni fil-livell nazzjonali. L-SA Franċiża se timmonitorja l-applikazzjoni tal-AA fil-prattika u, jekk ikun meħtieġ, tissospendi kwalunkwe trasferiment imwettaq mill-H3C, jekk l-AA tieqaf tipprovdi livell essenzjalment ekwivalenti ta’ protezzjoni lis-suġġetti tad-data.

L-EDPB adotta Dikjarazzjoni dwar l-abbozz ta’ dispożizzjonijiet ġodda dwar protokoll għall-Konvenzjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità. Din id-dikjarazzjoni tikkomplementa l-kontribut tal-EDPB għall-abbozz tat-tieni protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità (il-Konvenzjoni ta’ Budapest) u ssegwi l-pubblikazzjoni tal-abbozz il-ġdid tad-dispożizzjonijiet.

F’din id-dikjarazzjoni, l-EDPB ifakkar li d-dispożizzjonijiet li qed jiġu diskussi bħalissa x’aktarx jaffettwaw il-kundizzjonijiet għall-aċċess għad-data personali fl-UE għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u jappella għal skrutinju bir-reqqa tan-negozjati li għaddejjin mill-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE rilevanti. Barra minn hekk, l-EDPB jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ggarantita konsistenza sħiħa mal-acquis tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali.

L-EDPB adotta t-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ipproċessar tad-data personali għar-riċerka xjentifika, b’enfasi fuq ir-riċerka relatata mas-saħħa. It-tweġibiet ipprovduti mill-EDPB jiffurmaw pożizzjoni preliminari dwar dan is-suġġett u għandhom l-għan li jipprovdu ċarezza dwar l-applikazzjoni tal-GDPR fil-qasam tar-riċerka xjentifika dwar is-saħħa. L-EDPB bħalissa qed jiżviluppa linji gwida dwar l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika li se jelaboraw dwar dawn il-kwistjonijiet.

Fl-aħħar nett, il-Membri tal-Bord kellhom skambju ta’ opinjonijiet dwar l-aġġornament reċenti tal-Politika tal-Privatezza tal-WhatsApp . L-EDPB se jkompli jiffaċilita dan l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet, sabiex jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data fl-UE kollha f’konformità mal-mandat tiegħu.

 

Nota lill-edituri:
Ta’ min jinnota li d-dokumenti kollha adottati waqt is-Sessjoni Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar neċessarji u se jkunu disponibbli fis-sit tal-EDPB ladarba dawn il-verifiki jkunu lesti.

EDPB_Press Release_2021_1