L-awtoritajiet tal-UE għall-protezzjoni tad-data jadottaw opinjoni konġunta dwar il-Proposti għall-Ċertifikat Aħdar Diġitali

6 April 2021 EDPB

Brussell, is-6 ta’ April - Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB, European Data Protection Board) u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS, European Data Protection Supervisor) adottaw opinjoni konġunta dwar il-Proposti għall-Ċertifikat Aħdar Diġitali. Iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali għandu l-għan li jiffaċilita l-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu fl-UE waqt il-pandemija tal-COVID-19 billi jistabbilixxi qafas komuni għall-ħruġ, il-verifikazzjoni u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli marbutin mat-tilqim kontra l-COVID-19, l-ittestjar tagħha u l-fejqan minnha.

B’din l-Opinjoni Konġunta, l-EDPB u l-EDPS jistiednu lill-koleġiżlaturi biex jiżguraw li ċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali jkun kompletament konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali. Il-Kummissarji tal-protezzjoni tad-data mill-pajjiżi kollha tal-UE u taż-Żona Ekonomika Ewropea jenfasiżżaw il-ħtieġa li jitnaqqsu r-riskji għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE li jistgħu jirriżultaw mill-ħruġ ta’ Ċertifikat Aħdar Diġitali, inkluż l-użi sekondarji mhux intenzjonati possibbli tiegħu. L-EDPB u l-EDPS jenfasiżżaw li l-użu taċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali bl-ebda mod ma jista’ jirriżulta f’diskriminazzjoni diretta jew indiretta tal-individwi, u jrid ikun kompletament konformi mal-prinċipji fundamentali ta’ neċessità, proporzjonalità u effettività. Minħabba n-natura tal-miżuri mressqa mill-Proposta, l-EDPB u l-EDPS iqisu li t-tnedija taċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn qafas legali komprensiv.

Andrea Jelinek, il-President tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data qal: “Ċertifikat Aħdar Diġitali li jkun aċċettat fl-Istati Membri kollha jista’ jkun pass kbir ’il quddiem biex jerġa’ jibda l-ivvjaġġar fl-UE. Kwalunkwe miżura adottata fil-livell nazzjonali jew tal-UE li tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali trid tirrispetta l-prinċipji ġenerali ta’ effettività, neċessità u proporzjonalità. Għalhekk, l-EDPB u l-EDPS jirrakkomandaw li kwalunkwe użu ieħor taċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali mill-Istati Membri jrid ikollu bażi legali xierqa fl-Istati Membri u jrid ikun hemm fis-seħħ is-salvagwardji kollha meħtieġa.”

Wojciech Wiewiórowski, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data qal: Irid jiġi ċċarat li l-Proposta ma tippermettix - u ma tridx twassal lejn - il-ħolqien ta’ xi tip ta’ bażi ta’ data ċentrali ta’ data personali fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, irid jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix ipproċessata għal aktar żmien milli huwa strettament meħtieġ, u li l-aċċess għal din id-data u l-użu tagħha ma jkunux permessi ladarba tintemm il-pandemija. Dejjem enfasizzajt li l-miżuri meħuda fil-ġlieda kontra l-COVID-19 huma temporanji u huwa d-dmir tagħna li niżguraw li dawn ma nżommuhomx wara l-kriżi.”

Fis-sitwazzjoni ta’ emerġenza attwali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, l-EDPB u l-EDPS jinsistu li l-prinċipji ta’ effettività, neċessità, proporzjonalità u nondiskriminazzjoni jkunu rrispettati. L-EDPB u l-EDPS itennu li fil-mument tal-kitba, jidher li ftit hemm evidenza xjentifika dwar jekk wara li persuna tirċievi l-vaċċin tal-COVID-19 (jew tfieq mill-COVID-19) jkollhiex l-immunità, u għaldaqstant, kemm tista’ ddum din l-immunità. Madankollu l-evidenza xjentifika qed tikber kuljum.

Barra minn hekk, għadd ta’ fatturi għadhom mhux magħrufa fir-rigward tal-effikaċja tat-tilqim biex titnaqqas it-trażmissjoni. Jenħtieġ li l-Proposta tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw l-ambitu u l-applikazzjoni taċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali u timponi s-salvagwardji xierqa. Dan se jippermetti lill-individwi, li d-data personali tagħhom hija affettwata, biex ikollhom biżżejjed garanziji biex b’mod effettiv ikunu protetti kontra r-riskju ta’ diskriminazzjoni potenzjali.

Il-Proposta trid tinkludi espressament li l-aċċess għad-data tal-individwi u l-użu sussegwenti tagħha mhumiex permessi mill-Istati Membri tal-UE ladarba tintemm il-pandemija. Fl-istess ħin, l-EDPB u l-EDPS jenfasizzaw li l-applikazzjoni tar-Regolament propost trid tkun strettament limitata għall-kriżi attwali tal-COVID-19.

L-Opinjoni Konġunta tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal aktar kjarifiki dwar il-kategoriji ta’ data kkonċernati mill-Proposta, il-ħżin tad-data, l-obbligi ta’ trasparenza u l-identifikazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri għall-ipproċessar tad-data personali.

 

Nota lill-edituri: Ta’ min jinnota li d-dokumenti kollha adottati waqt is-Sessjoni Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jkunu disponibbli fis-sit tal-EDPB ladarba dawn il-verifiki jkunu lesti.

EDPB_Press Release_statement_2021_03