L-EDPB jadotta Kontribut għall-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi, il-pjan tal-proġett tal-SPE, ir-rispons għall-MEP Ujhelyi dwar Pegasus, il-verżjoni finali tal-Linji Gwida dwar eżempji rigward in-notifiki ta’ ksur tad-data

15 December 2021

Brussell, 15 ta’ Diċembru - L-EDPB l-Awtoritajiet Superviżorji (Sas) individwali kkontribwixxew għall-evalwazzjoni u għar-rieżami tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data (LED), imwettqa mill-Kummissjoni Ewropea f’konformità mal-Art. 62 tal-LED. Il-LED għandha l-għan li tipprovdi livell armonizzat ta’ protezzjoni tad-data għall-individwi fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fl-UE kollha.

Dawn l-aħħar erba’ snin kienu kkaratterizzati primarjament mill-proċessi nazzjonali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva. Minħabba l-implimentazzjoni riċenti tagħha, hemm esperjenza limitata u data empirika dwar xi partijiet tal-LED. Għalhekk, l-EDPB huwa tal-fehma li għadu kmieni wisq biex jinstiltu konklużjonijiet dwar l-effettività tal-LED jew biex titqies ir-reviżjoni tagħha.

L-EDPB iħeġġeġ ħafna lil dawk l-Istati Membri li għadhom fil-fażi tal-implimentazzjoni biex jinvestu l-mezzi kollha possibbli biex jiżguraw li t-traspożizzjoni tkun konformi bis-sħiħ mal-LED mingħajr aktar dewmien.

Fil-kontribut tiegħu, l-EDPB jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni tal-LED. Barra minn hekk, l-EDPB jibqa’ impenjat li jipprovdi valutazzjonijiet indipendenti ta’ abbozzi futuri ta’ deċiżjonijiet dwar l-adegwatezza, elaborati mill-Kummissjoni Ewropea, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-LED, speċjalment drittijiet infurzabbli, rimedju effettiv u salvagwardji dwar trasferimenti ulterjuri.

L-EDPB jisħaq li l-implimentazzjoni effettiva tal-kompiti skont l-LED titlob li jkun hemm disponibbiltà tar-riżorsi meħtieġa, kemm dawk umani kif ukoll dawk tekniċi, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li r-riżorsi tal-SAs jiżdiedu b’mod proporzjonali mal-ammont ta’ xogħol tagħhom.

Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-EDPB għall-2021-2023 u b’segwitu għall-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Appoġġ ta’ Esperti (SPE), l-EDPB issa qabel dwar il-pjan tal-proġett tal-SPE. L-SPE għandu l-għan li jipprovdi appoġġ materjali lill-Membri tal-EDPB fil-forma ta’ għarfien espert li huwa utli għall-investigazzjonijiet u l-attivitajiet ta’ infurzar u li jtejjeb il-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn il-Membri tal-EDPB billi jikkondividi, isaħħaħ u jikkomplementa l-punti b’saħħithom u jindirizza l-ħtiġijiet operazzjonali.

L-EDPB adotta tweġiba għall-MEP Ujhelyi dwar l-ispyware tal-hacking Pegasus. Fit-tweġiba tiegħu, l-EDPB jenfasizza li l-Bord u l-Membri tiegħu jagħtu, u se jkomplu jagħtu, attenzjoni partikolari lill-iżviluppi attwali relatati mal-interferenzi mad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data permezz ta’ miżuri ta’ sorveljanza. L-EDPB iżid li l-protezzjoni tal-ġurnalisti u tas-sorsi tagħhom hija l-pedament tal-libertà tal-istampa. L-EDPB huwa kompetenti fil-kwistjoni tal-użu allegat tas-software Pegasus prinċipalment jekk u sa fejn jintuża għal skopijiet skont il-GDPR u l-LED. Madankollu, l-EDPB jinnota li skont id-dritt applikabbli tal-Unjoni, dan ma għandux l-istess kompetenzi, kompiti u setgħat bħall-SAs nazzjonali, u fir-rigward tal-każ partikolari inkwistjoni, l-Awtorità Nazzjonali Ungeriża għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni għandha l-kompetenza li twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni rigward l-użu allegat ta’ spyware mill-awtoritajiet Ungeriżi. L-EDPB jibqa’ lest li jappoġġa lill-membri kollha tal-EDPB f’dawn il-kwistjonijiet.

Wara konsultazzjoni pubblika, l-EDPB adotta verżjoni finali tal-Linji Gwida dwar eżempji rigward in-notifiki ta’ ksur tad-data. Dawn il-linji gwida jikkomplementaw il-gwida tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar in-notifika ta’ ksur tad-data billi jintroduċu gwida u rakkomandazzjonijiet aktar orjentati lejn il-prattika. Dawn għandhom l-għan li jgħinu lill-kontrolluri tad-data jiddeċiedu kif jindirizzaw ksur tad-data u liema fatturi għandhom jitqiesu matul il-valutazzjoni tar-riskju. Wara konsultazzjoni pubblika, il-Linji Gwida ġew aġġornati biex jirriflettu l-kummenti li waslu.

 

Nota lill-edituri:

Id-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ladarba jkunu tlestew.