Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - It-Tmienja u Għoxrin sessjoni Plenarja: Opinjoni skont l-Artikolu 64 tal-GDPR dwar l-abbozz tal-SCCs ippreżentati mill-SI SA, ir-Reġistru tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Artikolu 60 tal-GDPR (OSS)

Wednesday, 20 May, 2020
EDPB

Brussell, 20 ta’ Mejju - Matul it-28 sessjoni plenarja tal-EDPB, l-EDPB adotta opinjoni skont l-Artikolu 64 tal-GDPR dwar l-abbozz ta’ Klawżoli Kuntrattwali Standard ippreżentati mill-Awtorità Superviżorja Slovena (SA) u ddeċieda dwar il-pubblikazzjoni ta’ reġistru li fih id-deċiżjonijiet ta’ “punt uniku ta’ servizz”.

L-EDPB adotta l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ Klawżoli Kuntrattwali Standard (SCCs) għal kuntratti bejn il-kontrollur u l-proċessur imressqa quddiem il-Bord mill-Awtorità Superviżorja Slovena. L-opinjoni għandha l-għan li tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tal-Artikolu 28 tal-GDPR, li jimponi obbligu fuq il-kontrolluri u l-proċessuri biex jidħlu f’kuntratt jew att legali ieħor li jistipula l-obbligi rispettivi tal-partijiet. Skont l-Artikolu 28(6) tal-GDPR, dawn il-kuntratti jew atti legali oħra jistgħu jkunu bbażati, b’mod sħiħ jew parzjalment, fuq klawżoli kuntrattwali standard adottati minn Awtorità Superviżorja. Fl-opinjoni, il-Bord jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet li jeħtieġ li jitqiesu sabiex dawn l-abbozzi tal-SCCs jitqiesu bħala Klawżoli Kuntrattwali Standard. Jekk jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha, l-SA Slovena se tkun tista’ tadotta dan l-abbozz ta’ ftehim bħala Klawżoli Kuntrattwali Standard skont l-Artikolu 28(8) tal-GDPR.

L-EDPB se jippubblika reġistru li jkun fih id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali wara l-proċedura ta’ kooperazzjoni tal-Punt Uniku ta’ Servizz (l-Artikolu 60 tal-GDPR) fuq is-sit web tiegħu.

Skont il-GDPR, l-Awtoritajiet Superviżorji għandhom id-dmir li jikkooperaw f’każijiet b’komponent transfruntier sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti tar-regolament - l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz (OSS). Taħt l-OSS, l-Awtorità Superviżorja Ewlenija (LSA) hija responsabbli mit-tħejjija tal-abbozzi tad-deċiżjonijiet u taħdem flimkien mal-SAs ikkonċernati biex jintlaħaq kunsens. Sa tmiem April 2020, l-LSAs adottaw 103 deċiżjonijiet finali tal-OSS. L-EDPB għandu l-intenzjoni li jippubblika sommarji bl-Ingliż imħejjija mis-Segretarjat tal-EDPB. L-informazzjoni se ssir pubblika wara l-validazzjoni tal-LSA inkwistjoni u skont il-kundizzjonijiet ipprovduti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha.

Nota lill-edituri:

Jekk jogħġbok kun af li d-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ġaladarba jkunu tlestew.

EDPB_Press Release_2020_08