Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - Id-39 Sessjoni Plenarja: L-EDPB jadotta linji gwida dwar il-kunċett ta’ oġġezzjoni rilevanti u motivata

Monday, 12 October, 2020

Brussell, 12 ta’ Ottubru - Matul id-39 sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB adotta linji gwida dwar il-kunċett ta’ oġġezzjoni rilevanti u motivata. Il-linji gwida se jikkontribwixxu għal interpretazzjoni unifikata tal-kunċett, li se tgħin biex tissimplifika l-proċeduri futuri tal-Artikolu 65 tal-GDPR.

Fi ħdan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit mill-GDPR, l-awtoritajiet superviżorji (SAs) għandhom id-dmir li “jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom” u jikkooperaw “fi sforz biex jintlaħaq kunsens”. Skont l-Artikolu 60(3) u (4) tal-GDPR, l-awtorità superviżorja ewlenija (LSA) hija meħtieġa tissottometti abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati (CSAs), li mbagħad jistgħu jesprimu oġġezzjoni rilevanti u motivata f’perjodu ta’ żmien speċifiku. Mal-wasla ta’ oġġezzjoni rilevanti u motivata, l-LSA għandha żewġ għażliet. Jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex motivata jew rilevanti, din għandha tissottometti l-kwistjoni lill-Bord fi ħdan il-mekkaniżmu ta’ konsistenza (l-Artikolu 65 tal-GDPR). Jekk l-LSA, għall-kuntrarju, issegwi l-oġġezzjoni u toħroġ l-abbozz rivedut tad-deċiżjoni, is-CSAs jistgħu jesprimu oġġezzjoni rilevanti u motivata dwar l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni fi żmien ġimagħtejn.

Il-linji gwida għandhom l-għan li jistabbilixxu fehim komuni tal-kunċett “rilevanti u motivata”, inkluż dak li għandu jitqies meta jiġi vvalutat jekk oġġezzjoni “turix b’mod ċar is-sinifikat tar-riskji maħluqa mill-abbozz ta’ deċiżjoni” (l-Artikolu 4(24) tal-GDPR).

Nota lill-edituri:

Jekk jogħġbok kun af li d-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB hekk kif ikunu tlestew.

EDPB_Press Release_2020_15