Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - Il-wieħed u tletin Sessjoni Plenarja: Stabbiliment ta’ taskforce dwar TikTok, Tweġiba għall-MEPs dwar l-użu ta’ Clearview AI mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, Tweġiba għall-Grupp Konsultattiv tal-ENISA, Twe

Wednesday, 10 June, 2020
EDPB

Brussell, 10 ta’ Ġunju - Matul il-31 sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB iddeċieda li jistabbilixxi taskforce biex din tikkoordina azzjonijiet potenzjali u biex tinkiseb ħarsa ġenerali aktar komprensiva tal-ipproċessar u l-prattiki ta’ TikTok fl-UE kollha, u adotta ittra fir-rigward tal-użu ta’ Clearview AI mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Barra minn hekk, l-EDPB adotta rispons għall-grupp konsultattiv tal-ENISA u ittra bi tweġiba għal Ittra Miftuħa mingħand NOYB.

L-EDPB ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jistabbilixxi taskforce biex tikkoordina azzjonijiet potenzjali u biex tinkiseb ħarsa ġenerali aktar komprensiva tal-ipproċessar u l-prattiki ta’ TikTok fl-UE kollha.

B’rispons għat-talba tal-MEP Körner rigward TikTok, l-EDPB jindika li diġà ħareġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet li jenħtieġ li jitqiesu mill-kontrolluri tad-data kollha li l-ipproċessar tagħhom huwa soġġett għall-GDPR, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi, kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali għal aċċess għal data personali minn awtoritajiet pubbliċi jew l-applikazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-GDPR, b’mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tal-minorenni. L-EDPB ifakkar li l-GDPR japplika għall-ipproċessar ta’ data personali minn kontrollur, anki jekk dan ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, fejn l-attivitajiet ta’ pproċessar huma relatati mal-offerta ta’ prodotti jew servizzi lil suġġetti tad-data fl-Unjoni.

Fit-tweġiba tiegħu lill-MEPs dwar Clearview AI, l-EDPB ikkondivida t-tħassib tiegħu dwar ċerti żviluppi fit-teknoloġiji ta’ rikonoxximent tal-wiċċ. L-EDPB ifakkar li skont id-Direttiva (UE) 2016/680 dwar l-Infurzar tal-Liġi, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jistgħu jipproċessaw data bijometrika għall-finijiet li jidentifikaw b’mod uniku persuna fiżika biss f’konformità mal-kundizzjonijiet stretti tal-Artikoli 8 u 10 tad-Direttiva.

L-EDPB għandu dubji dwar jekk kwalunkwe dritt tal-Unjoni jew liġi ta’ Stat Membru tipprovdix bażi ġuridika għall-użu ta’ servizz bħal dak offrut minn Clearview AI. Għalhekk, kif inhi u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe investigazzjoni futura jew pendenti, il-legalità ta’ tali użu mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-UE ma tistax tiġi aċċertata.

Mingħajr preġudizzju għal analiżi ulterjuri abbażi ta’ elementi addizzjonali pprovduti, l-EDPB huwa għalhekk tal-fehma li l-użu ta’ servizz bħal Clearview AI minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-Unjoni Ewropea, kif inhu, x’aktarx ma jkunx konsistenti mar-reġim tal-protezzjoni tad-data tal-UE.

Fl-aħħar nett, l-EDPB jirreferi għal-linji gwida tiegħu dwar l-ipproċessar ta’ data personali permezz ta’ apparati tal-vidjo u jħabbar il-ħidma li jmiss dwar l-użu ta’ teknoloġija ta’ rikonoxximent tal-wiċċ minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Bi tweġiba għal ittra mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) li fiha talbet li l-EDPB jinnomina rappreżentant għall-grupp Konsultattiv tal-ENISA, il-Bord ħatar lil Gwendal Le Grand, id-Deputat Segretarju-Ġenerali ta’ CNIL, bħala rappreżentant. Il-grupp Konsultattiv jassisti lid-Direttur Eżekuttiv tal-ENISA bit-tfassil ta’ programm ta’ ħidma annwali u jiżgura komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti.

L-EDPB adotta tweġiba għal Ittra Miftuħa minn NOYB rigward il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Superviżorji u l-proċeduri ta’ konsistenza. Fl-ittra tiegħu, il-Bord jindika li qed jaħdem kontinwament fuq it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Superviżorji u l-proċeduri ta’ konsistenza. Il-Bord huwa konxju li hemm kwistjonijiet li jeħtieġu titjib, bħad-differenzi fil-liġijiet u l-prattiki proċedurali amministrattivi nazzjonali, flimkien mal-ħin u r-riżorsi meħtieġa biex jiġu solvuti każijiet transkonfinali. Il-Bord itenni li huwa impenjat li jsib soluzzjonijiet, fejn dawn ikunu fil-kompetenza tiegħu.

Nota lill-edituri:
Jekk jogħġobkom innutaw li d-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għall-verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ladarba jkunu tlestew.

EDPB_Press Release_2020_10