Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - It-tletin sessjoni Plenarja: It-tweġiba tal-EDPB lill-NGOs dwar id-Digrieti Ungeriżi u dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 23 tal-GDPR

Wednesday, 3 June, 2020
EDPB

Brussell, 3ta’ Ġunju - Matul it-30 sessjoni plenarja tiegħu, l-EDPB adotta dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tas-suġġett tad-data b’rabta mal-istat ta’ emerġenza fl-Istati Membri. Il-Bord adotta wkoll ittra bi tweġiba għal ittra mill-Unjoni għal-Libertajiet Ċivili għall-Ewropa, Access Now u l-Unjoni għal-Libertajiet Ċivili Ungeriżi (HCLU) fir-rigward tad-Digriet tal-Gvern Ungeriż 179/2020 tal-4 ta’ Mejju.

L-EDPB ifakkar li, anke f’dawn iż-żminijiet eċċezzjonali, il-protezzjoni tad-data personali trid tinżamm fil-miżuri ta’ emerġenza kollha, u b’hekk tikkontribwixxi għar-rispett tal-valuri ġenerali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali li fuqhom hija bbażata l-Unjoni.

Kemm fid-dikjarazzjoni kif ukoll fl-ittra, l-EDPB itenni li l-GDPR jibqa’ applikabbli u jippermetti rispons effiċjenti għall-pandemija, filwaqt li fl-istess ħin jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data diġà tippermetti l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data meħtieġa bħala kontribut fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19.

Id-dikjarazzjoni tfakkar il-prinċipji ewlenin relatati mar-restrizzjonijiet dwar id-drittijiet tas-suġġett tad-data b’rabta mal-istat ta’ emerġenza fl-Istati Membri:

  • Ir-restrizzjonijiet li huma ġenerali, estensivi jew intrużivi sal-punt li jannullaw dritt fundamentali tal-kontenut bażiku tiegħu ma jistgħux jiġu ġġustifikati.
  • Taħt kundizzjonijiet speċifiċi, l-Artikolu 23 tal-GDPR jippermetti li l-leġiżlaturi nazzjonali jirrestrinġu permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi tal-kontrolluri u tal-proċessuri u tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tkun miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi importanti tal-interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, bħal b’mod partikolari s-saħħa pubblika.
  • Id-drittijiet tas-suġġett tad-data huma fil-qalba tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data u l-Artikolu 23 tal-GDPR għandu jiġi interpretat u moqri waqt li jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni tiegħu tkun ir-regola ġenerali. Peress li r-restrizzjonijiet huma eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali, dawn għandhom jiġu applikati biss f’ċirkostanzi limitati.
  • Ir-restrizzjonijiet iridu jiġu previsti “mil-liġi”, u l-liġi li tistabbilixxi r-restrizzjonijiet għandha tkun ċara biżżejjed biex tippermetti liċ-ċittadini jifhmu l-kundizzjonijiet li fihom il-kontrolluri għandhom is-setgħa li jirrikorru għalihom. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet iridu jkunu prevedibbli għall-persuni soġġetti għalihom. Ir-restrizzjonijiet imposti għal tul ta’ żmien mhux limitat b’mod preċiż bil-ħin, li japplikaw b’mod retroattiv jew li jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet mhux definiti, ma jissodisfawx il-kriterju ta’ prevedibbiltà.
  • Is-sempliċi eżistenza ta’ pandemija jew ta’ kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza oħra waħidha mhix raġuni biżżejjed biex tipprevedi kwalunkwe tip ta’ restrizzjoni fuq id-drittijiet tas-suġġetti tad-data; anzi, kwalunkwe restrizzjoni trid tikkontribwixxi b’mod ċar għas-salvagwardja ta’ objettiv importanti tal-interess pubbliku ġenerali tal-UE jew ta’ Stat Membru.
  • L-istat ta’ emerġenza, adottat f’kuntest ta’ pandemija, ikun kundizzjoni legali, li tista’ tilleġittimizza r-restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet japplikaw biss safejn ikun strettament meħtieġ u proporzjonat sabiex jiġi ssalvagwardjat l-objettiv tas-saħħa pubblika. Għaldaqstant, ir-restrizzjonijiet iridu jkunu strettament limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni u fiż-żmien, peress li d-drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu ristretti iżda mhux miċħuda. Barra minn hekk, il-garanziji previsti fl-Artikolu 23(2) tal-GDPR iridu jkunu japplikaw b’mod sħiħ.
  • Restrizzjonijiet adottati fil-kuntest ta’ stat ta’ emerġenza li jissospendu jew jipposponu l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-obbligi li għandhom il-kontrolluri u l-proċessuri tad-data, mingħajr ebda limitazzjoni ċara ta’ żmien, ikunu ekwivalenti għal sospensjoni ġenerali de facto ta’ dawn id-drittijiet u ma jkunux konformi mal-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

Barra minn hekk, l-EDPB ħabbar li se joħroġ linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 23 tal-GDPR fix-xhur li ġejjin.

Nota lill-edituri:

Jekk jogħġbok kun af li d-dokumenti kollha adottati matul il-Plenarja tal-EDPB huma soġġetti għal verifiki legali, lingwistiċi u ta’ fformattjar meħtieġa u se jsiru disponibbli fuq is-sit web tal-EDPB ġaladarba jkunu tlestew.