Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - Il-ħamsa u tletin Sessjoni Plenarja: Nota ta' informazzjoni dwar ir-Regoli Korporattivi Vinkolanti bl-Awtorità Superviżorja tar-Renju Unit bħala Awtorità Ewlenija

Thursday, 23 July, 2020

Brussell, 23 ta' Lulju - Fid-dawl tat-tmiem li ġej għall-perjodu tranżitorju tal-Brexit, l-EDPB adotta nota ta' informazzjoni li tiddeskrivi l-azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu mill-Awtoritajiet Superviżorji (SAs), mid-detenturi ta' Regoli Korporattivi Vinkolanti (BCRs) approvati u mill-organizzazzjonijiet li għandhom BCRs pendenti mal-SA tar-Renju Unit biex ikun żgurat li dawn il-BCRs ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw bħala għodda valida għat-trasferiment, wara tmiem il-perjodu tranżitorju. Peress li l-SA tar-Renju Unit mhux se tibqa’ tikkwalifika bħala SA kompetenti skont il-GDPR fi tmiem il-perjodu tranżitorju, id-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni tal-SA tar-Renju Unit meħuda skont il-GDPR mhux se jibqa’ jkollhom effett legali fiż-ŻEE. Barra minn hekk, jista' jkun meħtieġ li l-kontenut tal-BCRs inkwistjoni jiġi emendat qabel ma jintemm il-perjodu tranżitorju, peress li dawn il-BCRs ġeneralment jinkludu referenzi għall-ordni ġuridiku tar-Renju Unit. Dan japplika wkoll għall-BCRs li diġà ġew approvati skont id-Direttiva 94/46/KE.

Id-detenturi tal-BCR li għandhom l-SA tar-Renju Unit bħala l-SA Ewlenija tal-BCR tagħhom jeħtieġ li jistabbilixxu l-arranġamenti organizzattivi kollha biex jidentifikaw SA Ewlenija tal-BCR ġdida fiż-ŻEE. Din il-bidla ta’ SA Ewlenija tal-BCR trid issir qabel tmiem il-perjodu tranżitorju tal-Brexit.

L-applikanti attwali tal-BCR huma mħeġġa jistabbilixxu l-arranġamenti organizzattivi kollha biex jidentifikaw SA Ewlenija tal-BCR ġdida fiż-ŻEE qabel it-tmiem tal-perjodu tranżitorju tal-Brexit, inkluż il-kuntatt mal-SA inkwistjoni biex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar għaliex din l-SA qed tiġi kkunsidrata bħala l-SA Ewlenija tal-BCR il-ġdida. Din tal-aħħar imbagħad tieħu f'idejha l-applikazzjoni u tibda formalment proċedura ta’ approvazzjoni soġġetta għal opinjoni tal-EDPB. Kull BCR approvata mill-SA tar-Renju Unit skont il-GDPR se teħtieġ li l-SA Ewlenija tal-BCR il-ġdida taż-ŻEE toħroġ deċiżjoni ta’ approvazzjoni ġdida qabel it-tmiem tal-perjodu tranżitorju, wara opinjoni mill-EDPB. L-EDPB adotta wkoll anness li fih lista ta' kontroll tal-elementi li għandhom jiġu emendati fid-dokumenti tal-BCR fil-kuntest tal-Brexit.

Din in-nota ta’ informazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-analiżi li bħalissa qed issir mill-EDPB dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal-QĠUE DPC vs Facebook Ireland u Schrems għal BCRs bħala għodod ta’ trasferiment.

EDPB_Press Release_2020_13