European Data Protection Board

Stqarrija għall-istampa: It-Tielet Sessjoni Plenarja: l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza bejn l-UE u l-Ġappun, il-listi tal-VIPD, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali u l-evidenza elettronika.

Wednesday, 26 September, 2018
EDPB

Stqarrija għall-istampa

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data - It-Tielet Sessjoni Plenarja: l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza bejn l-UE u l-Ġappun, il-listi tal-VIPD, il-kamp ta' applikazzjoni territorjali u l-evidenza elettronika.
Brussell, is-26 ta’ Settembru - Fil-25 u s-26 ta’ Settembru, l-Awtoritajiet għall-Protezzjoni tad-Data, imlaqqgħa fil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, iltaqgħu għat-tielet sessjoni plenarja tagħhom. Matul il-plenarja ġew diskussi firxa wiesgħa ta’ suġġetti.

Id-deċiżjoni ta’ adegwatezza bejn l-UE u l-Ġappun  
Il-Membri tal-Bord iddiskutew l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza bejn l-UE u l-Ġappun li rċevew mingħand il-Kummissarju Věra Jourová u li ntlabu jagħtu l-opinjoni tagħhom dwaru. Issa l-Bord se janalizza bir-reqqa dan l-abbozz ta’ deċiżjoni. Il-Bord huwa determinat li jikkunsidra l-impatt wiesa’ tal-abbozz ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza, kif ukoll il-ħtieġa tal-protezzjoni tad-data personali fl-UE.  

Il-listi tal-DPIA
Il-BEPD laħaq ftehim dwar it-22 opinjoni li jistabbilixxu l-kriterji komuni għal-listi tal-Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data (VIPD/DPIA), u adottahom. Dawn il-listi huma għodda importanti għall-applikazzjoni konsistenti tal-GDPR madwar l-UE. Il-VIPD huwa proċess li jgħin fl-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji marbuta mal-protezzjoni ta' data li jistgħu jolqtu d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi. Sabiex it-tipi ta’ pproċessar li jista’ jkollhom bżonn ta’ VIPD jiġu ċċarati aktar, il-GDPR jappella lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali biex joħolqu u jippubblikaw il-listi tat-tipi kollha ta’ operazzjonijiet li x’aktarx jirriżultaw f’riskju għoli. Il-Bord irċieva 22 lista nazzjonali b’total ta’ 260 tip differenti ta’ pproċessar. Il-President tal-BEPD, Andrea Jelinek qal: “Il-membri tal-Bord u s-Segretarjat tal-EDPB kellhom biċċa xogħol enormi biex jeżaminaw dawn il-listi kollha u biex jistabbilixxu kriterji komuni dwar x’każi jirrekjedu DPIA u dawk fejn ma tkunx meħtieġa. Kienet opportunità mill-aħjar għall-EDPB biex tittestja l-possibbiltajiet u l-isfidi tal-konsistenza fil-prattika. Il-GDPR ma jirrekjedix armonizzazzjoni sħiħa jew “lista tal-UE”, iżda jirrekjedi aktar konsistenza, li rnexxielna niksbuha f’dawn it-22 opinjoni billi ftehimna fuq opinjoni komuni.”
It-22 opinjoni fuq il-listi tal-VIPD jirriżultaw mill-Artikoli 35.4 u 35.6 tal-GDPR u huma konformi mal-gwida li ngħatat preċedentement mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29.

Il-Linji gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali
Il-BEPD adotta abbozz ġdid ta’ linji gwida li se jikkontribwixxu biex tingħata interpretazzjoni komuni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-GDPR u se jiċċaraw aktar l-applikazzjoni tal-GDPR f’diversi sitwazzjonijiet, partikolarment fejn il-kontrollur jew il-proċessur tad-data jkun stabbilit barra mill-UE, inkluż dwar il-ħatra ta’ rappreżentant. Dawn il-linji gwida se jinfetħu għal konsultazzjoni pubblika.

L-evidenza elettronika
Il-BEPD adotta opinjoni dwar ir-regolament il-ġdid dwar l-evidenza elettronika li kien ġie propost mill-Kummisjoni Ewropea f'April tal-2018. Il-Bord enfasizza l-ħtieġa li r-regoli l-ġodda li ġew proposti dwar il-ġbir tal-evidenza elettronika jissalvagwardjaw biżżejjed id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tal-individwi u jeħtieġ li jkunu aktar konsistenti mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE.