Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Ir-regoli ġodda Ewropej dwar il-protezzjoni tad-data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (BEPD): nagħtu aktar kontroll lill-individwi

Generic picture Press release
Friday, 25 May, 2018
EDPB

Brussell, il-25 ta’ Mejju - Illum, il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (BEPD) kellu l-ewwel laqgħa plenarja tiegħu. Dan il-korp tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ġdid tal-Unjoni Ewropea (UE), li hu indipendenti u b’personalità ġuridika, ġie maħluq mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li jidħol fis-seħħ illum. Il-BEPD, li huwa s-suċċessur tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (WP29), jiġbor flimkien il-KEPD (Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data) u l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri biex jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-GDPR fl-UE kollha, kif ukoll protezzjoni konsistenti tal-individwi.  Barra minn hekk, il-BEPD jissorvelja l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data.

Andrea Jelinek, President tal-BEPD: “Din il-leġiżlazzjoni ferm mistennija tagħti lill-individwi kontroll akbar fuq id-data personali tagħhom u tipprovdi sett ta’ regoli applikabbli għal kull min jipproċessa d-data personali ta’ individwi fl-UE. F’dinja fejn id-data tiġi trattata bħala munita, id-drittijiet tal-individwi spiss ġew injorati jew saħansitra miksura. Ma rridux ninsew il-fatt li d-data personali hija inerenti għall-bniedem. Jiena konvinta li l-GDPR jagħti lill-individwi u lill-awtoritajiet superviżorji l-mezzi biex jipproteġu u jinfurzaw effettivament dan id-dritt fundamentali.

“Ir-rekwiżiti ġodda tal-protezzjoni tad-data spiss ġew limitati biex jiffokaw fuq ir-riskju li wieħed jeħel multi għoljin, iżda l-GDPR huwa ħafna aktar minn hekk. Huwa jittratta dwar li nqiegħdu d-drittijiet tal-individwi l-ewwel u naġġornaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE sabiex ikunu effiċjenti u lesti għall-futur. Fl-istess ħin, il-kumpaniji li jinnegozjaw fl-Ewropa se jibbenefikaw mill-GDPR peress li huwa jipprovdi ċertezza tad-dritt u jagħmilha aktar faċli li wieħed jopera fis-suq intern. Barra minn hekk, il-konformità mal-GDPR se tikkontribwixxi għal reputazzjoni tajba tal-kumpaniji. Fl-ekonomija tagħna xprunata mid-data, reputazzjoni tista’ tinqered fi żmien tlett ijiem jekk in-nies jitilfu l-fiduċja dwar jekk kumpanija tiġġestix id-data tagħhom b’attenzjoni.”

Andrea Jelinek ikkonkludiet billi enfasizzat l-importanza tal-kooperazzjoni għas-suċċess tal-GDPR: “Huwa kruċjali li bħall-BEPD, aħna ngħaqqdu l-forzi tagħna biex niżguraw livell għoli u konsistenti ta’ protezzjoni tad-data għall-individwi, kull fejn huma bbażati fl-Unjoni. Aħna se nippromwovu wkoll l-għarfien tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tal-pubbliku. Il-BEPD huwa korp maħluq ġdid tal-UE li huwa mgħammar b’mudell ta’ governanza u koordinazzjoni ġdid u bis-setgħa li jadotta deċiżjonijiet vinkolanti. Dan se jippermettilna naqdu r-rwol tagħna b’mod effiċjenti li nagħtu gwida dwar kunċetti ewlenin tal-GDPR.”

Il-GDPR hija liġi Ewropea ġdida li żżid il-kontroll fuq kif in-nies u l-organizzazzjonijiet jużaw u jikkondividu d-data personali tal-individwi. Japplika wkoll għall- organizzazzjonijiet barra mill-Ewropa mmirati lejn individwi tal-UE jew il-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom. Il-GDPR jissostitwixxi d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE li tmur lura għall-1995, meta l-internet kien għadu fl-istadji bikrin tiegħu. Huwa jissostitwixxi taħlita ta’ liġijiet nazzjonali b’Regolament tal-UE wieħed imfassal biex jagħmel l-organizzazzjonijiet aktar responsabbli, jagħti lill-individwi aktar kontroll fuq id-data tagħhom u jimmira li jtejjeb iċ-ċertezza tad-dritt għan-negozji, sabiex isaħħaħ l-innovazzjoni u l-iżvilupp futur tas-suq uniku diġitali.