Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Dikjarazzoni ICANN

Generic picture Icann
Sunday, 27 May, 2018
EDPB

Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data appoġġa d-dikjarazzjoni tal-WP29 dwar l-ICANN/WHOIS waqt l-ewwel laqgħa plenarja tiegħu fil-25 ta’ Mejju.

Id-dikjarazzjoni tal-WP29 rigward WHOIS

“Il-WP29 jirrikonoxxi l-funzjonijiet importanti mwettqa mis-servizz WHOIS. 
 
WP29 ilu joffri gwida lill-ICANN dwar kif iġġib lil WHOIS konformi mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data mill-2003 (ara l-opinjoni tad-WP29 tal-2003 disponibbli hawn). Il-konformità tal-ICANN mal-GDPR tidher li nbdiet formalment matul l-2017, li jista’ jkun parti mir-raġuni għaliex il-partijiet ikkonċernati huma mħassba dwar id-dħul fis-seħħ tal-GDPR fil-25 ta’ Mejju 2018.
 
Il-GDPR ma jippermetti la lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u lanqas lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (id-WP29 se jsir il-BEPD fil-25 ta’ Mejju 2018) li joħloq “moratorju tal-infurzar” għal kontrolluri individwali tad-data. Il-protezzjoni tad-data hija dritt fundamentali tal-individwi, li jistgħu jippreżentaw ilmenti lill-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-data kull meta jikkunsidraw li d-drittijiet tagħhom taħt il-GDPR ġew miksura. 
 
L-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jistgħu, madankollu, iqisu l-miżuri li diġà ttieħdu jew li għadhom għaddejjin, meta jiddeterminaw ir-rispons regolatorju xieraq meta jirċievu tali ilmenti.

Kif espress ukoll f’korrispondenza iktar kmieni mal-ICANN (inkluża din l-ittra ta’ Diċembru 2017 u din l-ittra ta’ April 2018),  WP29 jistenna li l-ICANN tiżviluppa u timplimenta mudell WHOIS li se jippermetti użi leġittimi mill-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-infurzar tal-liġi, tad-data personali li tikkonċerna reġistranti f’konformità mal-GDPR, mingħajr ma jwassal għal pubblikazzjoni bla limitu ta’ dik id-data.

Il-WP29 jirrikonoxxi l-isforzi riċenti meħuda mill-ICANN biex tiżgura l-konformità mas-sistema WHOIS. Il-WP29 se jkompli jimmonitorja mill-qrib il-progress tal-ICANN u l-membri tiegħu jistgħu jkomplu jimpenjaw ruħhom mal-ICANN biex jiżguraw li r-rekwiżiti legali skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tal-UE jiġu indirizzati b’mod xieraq.